L-Aġenzija Servizz.gov kompliet timmodernizza ċ-ċentri tagħha, bil-ftuħ ta' uffiċċju ġdid fiż-Żejtun li issa mexa fil-binja AM Business Centre, Triq il-Labour, iż-Żejtun. B'dan ir-rinnovar, il-klijenti se jkunu qed jinqdew aktar malajr, f'ambjent aktar privat u sigur.
Dan isegwi l-ftuħ ta' uffiċċji ġodda f'Għawdex u f'Birżebbuġa li ġew inawgurati din is-sena. B'kollox, Servizz.gov għandu 27 ċentru f'Malta u Għawdex, li kollha jiftħu kuljum mit-Tnejn sas-Sibt.
Il-Kap Eżekuttiv ta' Servizz.gov, Massimo Vella, qal li mill-2023 s'issa Servizz.gov investiet €1.3 miljun f'ċentri reġjonali ġodda, kif ukoll f'rinnovar u mmodernizzar ta' ċentri eżistenti. Semma kif il-viżjoni tal-aġenzija tibqa' dik li tqarreb dejjem aktar is-servizzi pubbliċi lejn iċ-ċittadin, kemm bl-għoti ta' servizz wiċċ imb wiċċ kif ukoll bi pjattaformi diġitali.
F'kull ċentru ta' Servizz.gov, il-pubbliku jingħata assistenza personali fuq l-iskemi u servizzi tal-gvern, inkluż għajnuna fuq benefiċċji, taxxa, servizzi edukattivi u ġbir ta' karti tal-identità fost oħrajn.